Huwa fatt magħruf li l-Festa ta’ San Ġużepp tad-19 ta’ Marzu, hija waħda mill-eqdem festi tradizzjonali li jiġu ċċelebrati f’pajjiżna. Tant hu hekk li nsibu dokumentat, li biex dejjem titkabbar il-qima lejn San Ġużepp fis-16 ta’ Ġunju 1508, il-Kapitlu tal-Katidral flimkien mas-Senat ta’ l-Universita ta’ l-Imdina (li kien il-Gvern ta’ Malta ta’ dak iż-żmien) kienu qablu u iddikjaraw flimkien li l-Festa ta’ San Ġużepp f’dan il-Jum tad-19 ta’ Marzu, tibda tiġi ċċelebrata u osservata bħala Festa Kmandata u Festa Pubblika għal Malta kollha. Nafu li dak iż-żmien kien hemm ukoll pieni għal min ma josservax dan il-jum, kif jgħid l-istess dokument tad-dikkjarazzjoni ta’ din il-Festa.
Ta’ min jgħid li din il-Festa f’Malta saret ‘Kmandata u Pubblika’ 113 is-sena qabel il-Papa Gregorju XV fl-1621, iddikjara din il-Festa ta’ San Ġużepp tad-19 ta’ Marzu, bħala Festa Kmandata għall-insara tad-dinja kollha.
Kien minn dan iż-żmien tal-bidu tas-seklu 16, li l-Kapitlu tal-Katidral baqa’ sal-lum jiġi ta’ kull sena proċessjonalment fid-19 ta’ Marzu mill-Katidral ta’ l-Imdina, biex jiċċelebra bis-solennita’ kollha din il-Festa ta’ San Ġużepp b’Quddiesa Solenni Konċelebrata f’din il-Knisja ta’ Santa Marija ta’ Ġesu’ tal-Patrijiet Franġiskani Minuri. Ordni li għandhu devozzjoni kbira lejn San Ġużepp. Devozzjoni mġġedda u mkabbra fi ħdan l-istess Ordni permezz ta’ San Bernardin ta’ Siena, li huwa magħruf bħala: ‘Id-Duttur ta’ San Ġużepp’. Kif ukoll peress li f’din il-knisja tinsab is-sede ta’ l-Arċikonfraternita ta’ San Ġużepp , li l-bidu tagħha tmur lura sa qabel is-seklu 15. Din il-Fratellanza li hija l-eqdem Fratellanzi ta’ pajjiżna u hija l-organiżżatriċi ewlennija ta’ din il-Festa.
Din il-Festa hija waħda mill-Festi prinċipali ta’ pajjiżna. Dan jikkonfermah ukoll il-fatt, li mal-Kapitlu tal-Katidral kien jiġi wkoll f’din il-Knisja għal din il-Festa, is-Senat ta’ l-Universita ta’ l-Imdina (membri tal-Gvern ta’ dak iż-żmien) fejn kien jassisti għal din il-Quddiesa. Dan baqa’ jsir sa l-1818, meta spiċċa dan is-Senat. Fejn ta’ kull sena f’din il-knsija, fid-19 ta’ Marzu, il-Kaptan tal-Virga kien joffri xemgħa rikka, dekorata bl-istemma Nazzjonali fuq l-artal tal-Kappella ta’ San Ġużepp li tinsab f’din il-knisja. Bħala sinjal ta’ devozzjoni tal-poplu Malti lejn San Ġużepp. Drawwa li l-lum qegħda tiġi mġedda ta’ kull sena mis-Sindki tar-Rabat, l-Imtarfa u l-Imdina. Fil-fatt il-Gvern għadu sal-lum ta’ kull sena jagħti kontribuzzjoni lill-Arċikonfraternita ta’ San Ġużepp biex tinxgħtel din ix-xemgħa.
Sehem il-Banda Dekana u Cittadina L’Isle Adam A.D.1860
Matul il-jiem tal-Festa ta’ San Ġużepp tieħu sehem attiv ukoll il-Banda Dekana u Ċittadina L’Isle Adam, li tferraħ it-toroq tar-Rabat bid-daqq ferrieħi tal-marċi u ta’ l-innijiet lil San Ġużepp, il-Qaddis Patrun ta’ din l-Għaqda Mużikali. Din il-Banda ilha sa’ mit-twaqqif tagħha fl-1860 tieħu sehem attiv f’din il-Festa. Ta’ min jgħid ukoll li d-daqq tal-Banda f’din il-Festa sa fejn nafu s’issa, jmur lura għas-seklu 18.
Palazzo Xara is-sede maestuża ta’ din il-Banda jilbes ukoll il-libsa tal-Festa u jiftaħ bwiebu beraħ għal-għadd kbir ta’ Viżitaturi li jiġi biex jammiraw il-ġmiel u l-kobar ta’ dan il-Każin imżejjen bl-isbaħ mod.
Entita Ġużeppina oħra hija l-Kamra tan-Nar 19 ta’ Marzu imwaqqfa fl-1986. F’ din il-Fabrika tan-Nar jinħadem in-Nar kollhu li jinħaraq f’ din il-Festa. Iżda l-aqwa jum għaliha jkun lejliet il-festa 18 ta’ Marzu fejn jiġi maħruq spettaklu sħiħ ta’ nar tal-Ajru u nar tal-Art. L-Ghaqda tan-Nar 19 ta’ Marzu li l-kamra taghha tinsab mwaqqfa f’Bingemma qrib ir-Rabat, tahdem bosta xogholijiet ohra piroteknici fil-festi ta’ Malta u Ghawdex. Barra minhekk kienet l-ewwel Kamra tan-Nar Rabtija li ghamel show bil-‘Fire One’ lejliet il-festa ta’ San Guzepp. Fis-Sena 2009 kellna harqa spettakolari hafna fosthom ix-xogholijie ttan-nar tal-Ajru u specjalment dak tal-art, mahdum kollu frott il-hidma tal-Guzeppini Rabtin.